Il-Kwadru Titulari fil-Kappella ta’ San Ġorġ
‘DETTALJI FUQ IL-KWADRU TITULARI PREŻENTI TA’ SAN ĠORĠ’
minn Michael Balzia
Sfond Storiku
Il-Kappella nbniet kważi mill-ġdid min-Nobbli Gregorio Bonici fl-1683. Fis-sena 1625, Palmerus Montana kien għamel xi tiswijiet meħtieġa. Bdiet terġa’ tintuża mis-sena 1907 wara li tbierket mill-Isqof Spiridione Polomeni.
Storja ta’ l-Inkwadru
Fit-22 ta’ April, 1659, l-Isqof Miguel Balaguer de Camarasa ddikjaraha profanata u ordna li l-kwadru titulari jittieħed fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun, li taħtu kienet taqa’. Fir-Rapport tal-Vista Pastorali ta’ l-Isqof Davide Cocco Palmieri (1685-1687), hemm imniżżel li l-inkwadru kien antik ħafna. F’dik tal-Vista Pastorali ta’ l-Isqof Giacomo Cannaves (1717), hemm miktub li l-inkwadru titulari b’San Gorġ riekeb fuq żiemel sar fl-1713. F’Manuskritt li jinstab fil-Bibljoteka Nazzjonali, Valletta (Libr. 422), jinsab miktub li dan sar minn Bartolomeo Garagona bi flus Luciano Tolossenti.
Sinjali Partikulari
Kopja ta’ dik ta’ Mattia Preti li tinsab fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta.
Qisien
78 pulzier għoli b’55 pulzier wiesa’ b’elissi ta’ pied għoli. Magħmula mit-tila u ngastata fi gwarniċ tal-ġebel.
Acknowledgements:
Dan l-artiklu huwa parti żgħira minn artiklu itwal bl-isem ‘Inkwadri Titulari fil-Kappelli Tagħna’ fuq kitba ta’ Michael Balzia li ġie ppublikat għall-ewwel darba fuq ‘Minn Qalb l-Iljuni’ tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, fil-ħarġa tas-sena 2003.