Skip to content

SAN ĠORĠ M.M

San Ġorġ (c. 284-303) hu isem familjari ma’ miljuni ta’ Kristjani u anki bosta madwar id-dinja li ma jemmnux fi Kristu. Għall-Kristjani dan l-isem jevoka qaddis li hu miqjum fil-knejjes kemm tal-Lvant u kemm tal-Punent bħala wieħed mill-aktar martri illustri ta’ Kristu, u d-devozzjoni Kristjana lejh tmur lura għaż-żmien tal-mewt glorjuża tiegħu lejn il-bidu tar-raba’ seklu wara Kristu. Il-popolarità ta’ San Ġorġ bdiet tinfirex sa miż-żmien tal-martirju tiegħu u xterdet l-aktar fis-seklu sitta meta l-fama tiegħu bħala qaddis tal-mirakli nfirxet bħal xrara nar fil-Lvant u mxiet tul il-bosta rotot tal-Mediterran, qasmet l-ilmijiet tiegħu biex laħqet l-artijiet kollha li jmissu miegħu, sa l-ibgħad komunitajiet Kristjani tad-dinja antika tal-Punent.

Ftit li xejn hu magħruf fuq San Ġorġ, għalkemm fid-devozzjoni popolari hu mpinġi bħala nobbli żagħżugħ Kristjan li għolla l-ġieħ tal-Kristjani fi żmien meta l-pagani dominanti bdew spiss idewquhom il-persekuzzjoni ħarxa. Diġà fis-seklu ħamsa u speċjalment fis-seklu sitta nsibu kitbiet li jirrakkuntaw kif b’mod erojku mar kontra l-ordni ta’ l-imperatur u kellu jgħaddi minn bosta tbatijiet fl-idejn imħarrġa tal-pagani li ttorturawh.

Uħud minn dawn ir-rakkonti jew “legenda” waslu sa żmienna, imma minħabba li sfaw minsusa u sofrew ħsarat f’idejn dawk li, imħeġġa żżejjed, riedu jkabbru l-fama ta’ San Ġorġ bħala qaddis tal-mirakli u l-għeġubijiet, wieħed ftit li xejn jista’ jorbot fuqhom.

Illum hu kważi impossibbli li tagħżel fihom il-fatt storiku mil-leġġenda. Dak li nafu fiż-żgur fuq San Ġorġ hu l-fatt tal-martirju tiegħu, it-tixrid immedjat tal-kult tiegħu fuq il-post tal-qabar sewwasew barra mill-belt ta’ Diospolis fil-Palestina Rumana, u dawk id-dettallji bażiċi fil-qalba ta’ l-istorja ta’ ħajtu bħala żagħżugħ Kristjan li jistgħu jinġabru xjentifikament minn dawk ir-rakkonti leġġendarji tal-ħajja u l-passjoni tiegħu li żammew xi ħjiel ta’ dokumentazzjoni primittiva u awtentika.

Il-problema ta’ tagħrif storiku awtentiku fuq San Ġorġ diġà kienet qamet f’Ruma tas-seklu ħamsa. Id-digriet famuż De libris recipiendis, li jingħad li nkiteb minn Ġelasju, isqof ta’ Ruma li miet fis-sena 496, jirriferi għall-fatt li l-Knisja Rumana kellha dubju fuq xi kitbiet apokrifi fuq San Ġorġ li kienu qed jiċċirkulaw f’dak iż-żmien. Imma b’dan id-digriet il-papa bl-ebda mod ma kien qed jiċħad l-eżistenza ta’ San Ġorġ għax id-dokument, magħruf komunement bħala Decretum Gelasianum, jgħid li San Ġorġ hu wieħed mill-qaddisin “li ismijiethom bir-raġun huma miqjuma mill-bnedmin imma li l-għemejjel tagħhom huma magħrufa biss minn Alla”. Iktar milli ċaħad il-qima ġustament mogħtija lil San Ġorġ, il-papa kien qed ifittex li jsaffiha mill-fabbrikazzjonijiet spiss skandalużi li s-setet Kristjani eretiċi, l-aktar dawk fil-Lvant, kienu żiedu mal-ġrajja awtentika. Il-fama ta’ San Ġorġ safrattant baqgħet tikber, mhux biss fil-Lvant, fejn il-qaddis kien twieled, imma wkoll fil-Knisja tal-Punent, minkejja li din diġà kellha l-martri tagħha, li kienu ħafna u magħrufin.

 

Il-leġġenda tad-dragun

 
Il-leġġenda ta’ San Ġorġ u d-dragun hi sempliċiment dak li hi – leġġenda. Imma l-għeruq tagħha huma profondament teoloġiċi. Id-dragun hu x-xbieha li l-Iskrittura spiss tissellef biex tfisser il-kruha tal-ħażen u l-qawwa tiegħu li teqred u tidher invinċibbli. Kienu mbagħad Missirijiet il-Knisja l-ewwel li rabtu l-allegorija tad-dragun ma’ San Ġorġ u dan għamluh biex juru l-glorja tar-rebħa tiegħu fuq ir-reliġjonijiet pagani dominanti u l-esponenti kiefra tagħhom li b’tant qawwa xekklu u ppersegwitaw lil Kristu u l-Knisja tiegħu.

Sa minn żminijiet bikrija l-allegorija ta’ San Ġorġ qed jinfed id-dragun spiss intużat fil-predikazzjoni u l-letteratura Kristjana, imma qatt ma xterdet tabilħaqq qabel il-bidu tat-tieni millennju ta’ l-era Kristjana. Imbagħad kibret tassew, hekk li daħlet fil-kitbiet tal-patri Dumnikan Jacobus de (Ġakobb ta’) Voragine (c. 1230-1298), li kien minn Genoa u għamel dak li kien jagħmel kull għalliem li ried jikkomunika verament mas-semmiegħa tiegħu: ivviswalizza l-allegorija u għamilha aċċessibbli għan-nies tat-triq billi kitibha b’mod ħafif u li jolqot l-għajn. Sas-seklu tlettax kopji tal-passiones u l-encomia ta’ San Ġorġ kienu saru rari ħafna fil-Knisja tal-punent. Il-ktieb ta’ De Voragine Legenda Aurea (Il-Leġġenda tad-Deheb) mela vojt kbir għall-qarrejja ta’ żmienu, li kienu tant imħeġġin għall-ħajjiet tal-qaddisin. Iktar minn hekk hu ta lill-ikonografija Ġorġjana, li kienet qiegħda dejjem tikber, tema teoloġika li tant kellha bżonn. Hi ħasra li minħabba dan il-ħajja ta’ San Ġorġ ġiet ridotta għall-qtil tad-dragun, episodju leġġendarju li hu biss żvilupp tardiv fit-tiswir tal-misteru ta’ San Ġorġ. Filfatt diffiċli naqbdu tarf ta’ din il-leġġenda, bħala distinta mill-allegorija, iktar kmieni mis-seklu ħdax jew tnax.

Hi x’inhi l-idea ta’ ħafna llum fuq il-leġġenda ta’ San Ġorġ u d-dragun, m’hemmx dubju fuq il-qawwa ta’ kalamita li kellha fuq in-nies tal-Medjuevu. Minkejja dan, waqt li minn naħa din il-leġġenda kabbret il-fama ta’ San Ġorġ bħala gwerrier qatt mirbuħ ta’ Kristu, ogħla minn kull barriera psikoloġika, min-naħa l-oħra kellha fiha ż-żerriegħa li aktar tard kellha tnibbet biex iġġib fid-dubju l-kredibbiltà ta’ l-eżistenza tiegħu, hekk li poġġietha fuq l-istess livell ta’ dubju fl-eżistenza tad-dragun li San Ġorġ jidher joqtol. Xorta jibqa’ l-fatt li r-rabta ta’ San Ġorġ ma’ din il-leġġenda tad-dragun minnha nfisha ma tagħmlux suġġett tal-mitoloġija, kif ma tagħmilx suġġett tal-mitoloġija lil dawk il-persuni – li l-eżistenza storika tagħhom bl-ebda mod ma tista’ titqiegħed f’dubju – li lilhom ġew attribwiti episodji simili.

Safrattant, wieħed spiss jiltaqa’ ma’ Kristjani xejn ċerti, fosthom anki Kattoliċi, li jistaqsu fuq, jekk mhux ukoll iqiegħdu fid-dubju, l-eżistenza ta’ San Ġorġ. Din il-konfużjoni irrazzjonali tesprimi, fl-aqwa tagħha, definizzjoni tipikament oċċidentali ta’ għamla Protestanta. Filfatt dan is-sens ta’ “dubju” fuq il-kult ta’ San Ġorġ jistqarruh l-aktar dawk li b’xi mod jagħmlu parti mill-Kristjaniżmu tad-Deformazzjoni, jew huma influwenzati minnu. Kull ħjiel ta’ dubju bħal dan hu għalkollox barrani għall-Kristjaniżmu tradizzjonali Kattoliku u Ortodoss.

 

Eżistenza storika

Kien fi żmien ir-Riforma Protestanta li għall-ewwel darba tqajjem dubju fuq il-qaddisin, is-siwi tagħhom kif ukoll l-istess eżistenza tagħhom. Kien żmien meta l-aktar Kattoliċi fost l-ikoni Kristjani, sew jekk teoloġiċi u sew jekk sempliċiment kulturali, bdew jiġu attakkati bl-aktar mod vjolenti u ħafna minnhom meqruda b’mod sistematiku.

Ma nistagħġbux li San Ġorġ, li l-qima lejh kienet waħda mill-aktar karatteristiċi prominenti tal-pjetà medjevali, ma kienx xi eċċezzjoni għat-tindifa ta’ riformaturi Protestanti bħal Kalvinu, u wkoll xi wħud mill-prodotti kulturali tagħhom li eventwalment ġew miqjusa bħala l-intellettwali ta’ Żmien it-Tidwil.

Fuq quddiem ta’ dawn ta’ l-aħħar kien l-istoriku Ingliż Edward Gibbon li l-leħen tiegħu nifed b’mod l-aktar salvaġġ il-laħam ta’ kittieba tal-Knisja bikrija u bijografi tal-qaddisin miqjuma minnha. Dan l-istudjuż eminenti rriskja bil-kbir il-kredibbiltà tiegħu meta indirizza l-istorja ekkleżjastika. Iżda dawn il-persuni, bil-preġudizzji rispettivi tagħhom, kienu influwenti ħafna fit-tiswir ta’ l-opinjoni kontemporanja tal-Punent fuq l-ewwel martri u qaddisin.

Fr Hippolyte Delehaye (1859-1941), li ismu bla dubju jintagħżel bħala l-akbar studjuż ta’ żmienna fuq il-ħajjiet tal-qaddisin (l-aġjografija), għamel ħafna biex jikkoreġiha. Dan is-saċerdot Ġiżwita erudit iddedika ħafna minn ħajtu biex jikxef l-oriġni ta’ l-aġjografija Kristjana. Hu ried jipprovdi fundament storiku sod għal dawk il-qaddisin li l-Knisja tqim b’tant għożża. Fuq San Ġorġ, fix-xogħol tiegħu, dan l-awtur eminenti jiddikjara li ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju razzjonali fuq l-eżistenza tiegħu.

 

 

Ix-xhieda tal-pellegrini

 
Bħala evidenza ċara, Delehaye isemmi u jagħfas fuq il-qima li nżammet fil-qabar ta’ San Ġorġ f’Diospolis (Lidda) sa minn żmien il-mewt glorjuża tiegħu. Is-santwarju li nbena fuq il-qabar ta’ San Ġorġ żaruh devoti u pellegrini mill-Ewropa Kristjana kollha sa mis-seklu ħamsa, żmien il-martirju u l-mewt tiegħu. Ir-rakkonti li jagħtuna pellegrini bikrin bħal Teodosju (De sity terrae sanctae, 530 wK), li talab fuq il-post tal-fdalijiet ta’ San Ġorġ f’Lidda fis-sitt seklu, jixhdu mhux biss għall-kontemporanji tagħhom imma jitkellmu wkoll fuq dawk li marru qabilhom f’dan il-post imbierek mill-fdalijiet tal-qaddis. Kien hemm li d-devozzjoni tal-Kristjani lejn San Ġorġ kienet miġbura. Kien minn hemm li ddiet ’il bogħod fuq bliet u rħula mbiegħda. Bilkemm jeżisti post wieħed fid-dinja Kristjana fejn San Ġorġ m’hux miqjum bħala qaddis patrun jew protettur.

Minkejja dan ftit nafu b’ċertezza fuq dan iż-żagħżugħ li x-xhieda erojka tiegħu għal Kristu għadha sal-lum għajn ta’ ispirazzjoni u mħabba, kważi sbatax-il seklu wara mewtu. Skond it-tradizzjoni Kristjana, Ġorġi twieled minn ġenituri Kristjani, aktarx lejn is-sena 284 wK, u bħala żagħżugħ kien wieħed mill-ħafna suldati u uffiċċjali Kristjani li, f’dawk is-snin ta’ tolleranza, tħallew iservu b’ġieħ fl-armata Rumana.

Wara l-editt ta’ Frar 303 kontra l-Kristjani, Ġorġi rrifjuta li jiċħad il-fidi Kristjana tiegħu u b’konsegwenza sofra l-martirju u l-mewt fl-istess sena. Malajr sar wieħed mill-ewwel u l-aktar martri Kristjani magħrufa tal-persekuzzjoni l-kbira ta’ Djoklezjanu fis-sena 303.

Immedjatament wara l-editt ta’ tolleranza maħruġ minn Kostantinu (314 wK) ħafna kienu l-knejjes li ġew iddedikati f’ġieħu, mhux biss fuq il-post ta’ qabru fil-Palestina imma wkoll fis-Sirja u r-reġjuni tal-qrib. Il-fdalijiet tal-knisja Kostantinjana f’Lidda (dakinhar Diospolis u llum Lod, f’Israel) għadhom jidhru u jistgħu jiġu eżaminati, minkejja l-ħsarat li sarulhom biż-żmien u l-kunflitti inter-reliġjużi tul l-aħħar sbatax-il mitt sena.

Aktar ta’ l-għaġeb hi l-knisja, mibnija fis-sitt seklu, ta’ “Mar Georgis” (l-Imgħallem Ġorġi), li għadha sħiħa sal-lum biex taqdi lill-Kristjani lokali ta’ Ezraa fis-Sirja. Nafu li hemm knejjes oħra bikrija li ġew iddedikati lil San Ġorġ, kif jixhdu skrizzjonijiet li għadhom jeżistu jew ġew dokumentati. Waħda minn dawn l-iskrizzjonijiet titkellem fuq knisja li qrib nofs is-seklu erbgħa ġiet iddedikata lil “San Ġorġ u sħabu” – jiġifieri fi żmien meta n-nies kien għad għandhom tifkira ħajja tal-mewt tal-qaddis.

 

 

Studji kontemporanji

 
Is-seklu għoxrin ukoll ta s-sehem tiegħu lill-pubblikazzjonijiet fuq San Ġorġ, li wħud minnhom tixirqilhom attenzjoni partikulari. Il magalomartire San Giorgio (Napli, 1902) ta’ Salvatore Borrelli għandu taqsima tajba u suffiċċjenti fuq il-qima lejh tul l-istorja Kristjana u madwar id-dinja.

Delehaye, li diġà saret riferenza għalih, ipproduċa tliet xogħlijiet ta’ studju li fihom il-kitbiet kollha meħtieġa għal kull studju fuq San Ġorġ, l-ewwel fosthom Les legendes greques des saints militaires (1909). George of Lydda ta’ Sir E.A. Wallis Budge (1930) hu kontribuzzjoni oħra importanti lill-istudju tal-“kultura” tiegħu. Dan jinkludi l-kitbiet Etjopiċi ta’ San Ġorġ miżmuma fil-British Museum, kemm fl-ilsien oriġinali tagħhom u kemm fi traduzzjoni.

Hemm bosta pubblikazzjonijiet oħra, riċenti u mhux daqshekk riċenti, li ma jistgħux jitwarrbu għall-ġenb mill-istudjużi ta’ l-aġjografija, fosthom djarji ta’ pellegrini, studji arkeoloġiċi u oħrajn aġjografiċi. Fl-1983, Mons. Dante Balboni tal-Librerija Appostolika tal-Vatikan ippubblika studju ċkejken imma ta’ min jaqrah fuq San Ġorġ, b’rapport arkeoloġiku miegħu fuq il-fdalijiet tal-bażilika tal-qabar tiegħu u r-relikwi tal-qaddis li għadhom jeżistu.

 

 

Devozzjoni inter-reliġjuża

Popli mad-dinja kollha, l-aktar Kristjani tal-Knejjes tal-Lvant, iqimu l-ikoni u r-relikwi tal-“Martri l-Kbir”, kif il-Griegi jfissru lil San Ġorġ. M’hux tant importanti jekk ir-relikwi miqjuma humiex awtentiċi jew le, u minkejja l-forma miktuba ta’ l-ikona li titbies, dak li qed jiġi miqjum m’hux ir-relikwa jew l-ikona ta’ l-injam infisha imma l-persuna qaddisa li tirrappreżenta, u s-sbuħija ta’ l-għaġeb u l-qawwa divina li bihom Alla żejjinha bla xeħħa.

Madankollu, San Ġorġ m’hux miqjum biss mill-Kristjani. Wieħed spiss jara Musulmani Palestinjani jingħaqdu mal-Kristjani tal-lokal f’Lod u f’imkejjen oħra fis-santwarji ddedikati lil El Khidr, kif huma jsejħu lil San Ġorġ. Jingħad li dan iseħħ partikularment f’Beit Jala, fl-Art Imqaddsa, fejn hemm knisja li timmarka l-post fejn jingħad li twieled San Ġorġ.

“Jiġu ħafna Musulmani hawn?”, il-kittieb Ingliż William Dalrymple saqsa lill-qassis tal-post fl-1995. “Mijiet! Kważi daqskemm jiġu pellegrini Kristjani. Spiss, meta niġi hawn, insib Musulmani kullimkien ma’ l-art, fin-navi, fuq u isfel”.

Il-Musulmani Għarab imorru fis-“santwarju ċkejken u maħmuġ” ta’ Beit Jala u fis-santwarju l-ieħor aktar magħruf ta’ Lod, fil-periferija ta’ Ramallah Palestinjana, biex jitolbu lil San Ġorġ għall-fejqan, għall-ħelsien ta’ xi raġel jew iben fil-ħabs, għat-trabi u l-ħlas qawwi u sħiħ tagħhom, u għal staġun tajjeb għar-ragħajja u l-għelieqi tagħhom. It-talb tal-Kristjani u dak tal-Musulmani fl-aħħar mill-aħħar ifisser l-istess ħaġa. Hu każ uniku ta’ relazzjonijiet inter-reliġjużi proprji u koeżistenza fejn relazzjonijiet bħal dawn kienu n-norma għal sekli sħaħ fil-Palestina.

 

Il-gżejjer Maltin

Il-komunitajiet Kristjani f’Malta u Għawdex, li fil-maġġoranza huma l-komunità Kattolika Rumana, flimkien mal-Griegi Ortodossi u l-Anglikani, iqimu lil San Ġorġ skond it-tradizzjoni rispettiva tal-komunità. Waħda mill-eqdem u l-aktar parroċċi importanti ta’ Malta, dik ta’ Ħal Qormi, hi ddedikata lil San Ġorġ. Din il-knisja tiftaħar b’bosta xogħlijiet ta’ arti u statwa mill-isbaħ, fi stil barokk, tal-qaddis patrun tar-raħal. Imma jien ċert li l-ebda knisja li nistgħu nsemmu ma tista’ tersaq fix-xebh lejn is-sbuħija u l-isplendur tal-bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex, jew lejn is-solennità tal-liturġija li magħha hi sinonima din il-knisja ħajja.

Sa miż-żminijiet Biżantini, meta l-qima lejn San Ġorġ xterdet bħal ħuġġieġa fost il-pajjiżi Kristjani tal-Lvant Nofsani u l-Mediterran, sa żmienna, l-isem ta’ San Ġorġ dejjem evoka l-fidi Kristjana, ispira fiduċja fl-għożża ta’ Alla għall-poplu tiegħu, u sar għajn ta’ identità għal ħafna popli madwar id-dinja kollha, u xejn inqas għall-poplu ta’ din il-gżira żgħira Mediterranja ta’ Għawdex.

 

Acknowledgement:

Artiklu oriġinirjament ippubblikat fuq is-sit http://www.stgeorge.org.mt/page.asp?id=35

2 Comments leave one →
  1. Lora permalink
    December 2, 2009 6:11 pm

    Din l-informazzjoni dwar an Gorg hija tassew interessanti. Pero nixtieq naf : X’tip ta’ martirju tawh lil San Gorg?
    Grazzi

  2. George permalink
    March 13, 2012 1:21 pm

    San Gorg sofra hafna Martirji, fostom flagell, sqewh il-velenu, poggewh fuq sodda ta l-imsiemer u blata fuqu, tefawh jitqatta bicciet f’ rotta bix-xfafar, tefawh fil-kalkara tal-gir, ecc bl-ahhar wiehed ikun il-mewt billi qatawlu rasu

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

%d bloggers like this: