Postijiet u residenti f’Birżebbuġa Medjevali
ISMIJIET, KUNJOMIJIET, U LAQMIJIET MEDJEVALI TARDIVI F’BIRŻEBBUĠA – kitba tal-Kan. Dun Joe Abela B.A.(Hons.); Lic.D; H.E.L
- Ismijiet li ilhom f Birżebbuġa mijiet ta’ snin
- Influwenza kbira ta’ l-Ilsien Għarbi
- Poplu marbut max-xogħol tal-biedja.
Studju tal-Prof. G. Wettinger
Fis-sena 2000 Publishers Enterprises Group (P.E.G.) Ltd., ippubblikaw studju interessantissimu tal-Prof. Godfrey Wettinger dwar l-ismijiet ta’ eluf ta’ inħawi (toponomija) fil-Gżejjer Maltin bejn is-snin 1300 u 1800. Godfey Wettinger, Professur ta’ l-Istorja Medjevali fl-Università ta’ Malta, kien ilu s-snin jipprepara u jagħmel ir-riċerki xjentifiċi meħtieġa għal dan il-ktieb, li żgur li għandu jżejjen il-librerija ta’ kull min tassew iħobb l-Istorja ta’ Malta u Għawdex. F’dan l-artiklu tiegħi qed niġbor biss ftit mill-ħafna ismijiet li bihom Birżebbuġa u l-inħawi tagħha kienu magħrufin fiż-Żmenijiet Medjevali Tardivi u aktar tard, skond it-tagħrif mogħti lilna minn Wettinger. Qed nillimita ruħi biss għal dawk iż-żoni li kienu magħrufin għall-ismijiet, kunjomijiet u laqmijiet ta’ ċerti nies, għaliex barra minn dawn għandna ħafna ismijiet ta’ inħawi li ma kenux magħrufa għal xi persuna. Hekk, per eżempju, Birżebbuġa nfisha ma ssemmietx għal xi persuna individwali, iżda dejjem skond Wettinger, ngħatat dan l-isem għal xi bir ħdejn siġra taż-żebbuġ.
Ismijiet
Nibdew billi nħarsu ftit lejn xi ismijiet, u nalludu l-ewwel għall-għelieqi msejħa ta’ Bixir f Birżebbuġa (1). Dawn kienu għelieqi mħollija bħala benefizzju reliġjuż fil-Brolli. Td Bixir, alias tal-prolli, juspatronatus, 1534 u td bixir, tres galce in contrata birzebuga, 1519. L-isem BIXIR kien isem Għarbi komuni ħafna u kien ifisser wieħed kuntent u ferħan. Fil-fatt dan l-isem, barra fBirżebbuġa, jidher fi nħawi oħra ta’ Malta, bħal Wied Bixir ta’ Ħal Kbir, fin-nofs-inhar tas-Siġġiewi, u Bir Bixrilli, li ma nafux eżatt fejn kien.
Fi żmienna, għall-inqas fost dawk li daħlu sewwa fl-età, l-isem GIRGOR għadu komuni, mhux hekk il-plural tiegħu. Dan l-isem kien jinsab f Birżebbuġa, f rabta ma’ l-għelieqi, mijiet ta’ snin ilu. Haġa li tiskantak hi li nsibu wkoll il-plural tiegħu, li fil-Malti ta’ żmienna sparixxa għal kollox. Hekk niltaqgħu ma’ l-għalqa ta’ Gorger f Birżebbuġa tas-seklu 16. gurker clausura in contrata birczebuge, 1505 (2). Fil-fatt l-isem Hal Għargħur ifisser l-istess, ir-raħal ta’ Girgor! rahcd gurgur, casalis, 1486 (3). F’Birżebbuġa kien jeżisti ukoll l-isem Grieger, il-plural ta’ Girgor! Hekk kienu jissejħu żewġ għelieqi fis-seklu 16. yl greger, duae galce in contrata birzebuga, 1538 (4).
Min ma semgħax bil-gżira ta’ Kemmuna bejn Malta u Għawdex? Nafu li dan l-isem ingħata lil din il-gżira mill-pjanta tal-kemmun, li fl-imgħoddi kien ikkultivat ħafna mill-bdiewa Maltin u Għawdxin, għaż-żerriegħa tiegħu. Iżda Kemmoun, bil-ħafna varjazzjonijiet tiegħu, kien ukoll isem komuni fiż-Żmenijiet tan-Nofs, kemm fl-Afrika ta’ Fuq, kif ukoll fil-Gżejjer Maltin. Hekk, per eżempju, Chemun, bin Asciur, moro di Cherchenu, 1691 (5). Niġu issa għal Birżebbuġa, fejn naraw li dan l-isem Għarbi kien jeżisti fis-seklu 16. Tal chalie, alias tal kemmin, clausura in contrata birzebuga, 1539 (6). Wisq probabbli li Kemmin hi varjazzjoni ta’ l-isem Għarbi KAMIL. Hu wkoll probabbli li l-kunjom Camilleri, li minnu f Birżebbuġa hawn kemm trid, għandu rabta ma’ dan l-isem Għarbi.
Kunjomijiet
Ngħaddu issa biex neżaminaw ftit kunjomijiet. Żgur li m’hawn ħadd f Birżebbuġa li ma semgħax b’Wied il-Buni, iżda kemm hawn min jaf li BUNI hu kunjom li ilu jeżisti f’Malta mijiet ta’ snin? Fil-fatt dan il-kunjom jidher fil-lista tas-sena 1419 ta’ rġiel Maltin li kienu fid-Dejma, u allura kellhom id-dmir li jgħassu x-xtut għal xi attakki tal-furbani Misilmin, li aħna spiss insejħulhom Torok. Birżebbuġa, bid-daħliet kollha tagħha, kienet wisq esposta għall-inżul spiss ta’ l-għadu. gued il buni, contrata 1495 (7). ta bune clausura in contrata bir zebuga, 1538 (8). Dan il-post f Birżebbuġa ġieli fl-imgħoddi kien jissejjaħ Qala ta’ Wied il-Buni: El Cala ta Vyed il Buni, 1647. Ma nafx il-kunjom modern Tabone għandux xi rabta ma’ Bune, iżda probabbli li hekk. Naf ukoll li fiż-Żejtun teżisti żona magħrufa bħala “Ta’ Tablin”, li wisq probabbli hu kunjom jew laqam Għarbi. Il-kunjom CALLUS hu ħafna popolari fi żmienna fil-gżejjer tagħna. Aqbad id-direttorju tat-telefon u tara li f Birżebbuġa biss hawn madwar nofs tużżana familji li jġibu dan il-kunjom sabiħ, li ġej mill-Grieg kalos, li jfisser “tajjeb”. Fis-seklu 16 kien diġà hawn biċċa art f’Birżebbuġa li kienet magħrufa b’dan il-kunjom: tal callus, clausura in contrata birczebuga, 1535 (9). Fl-istess seklu kien jeżisti andar f Ħal^Għaxaq, mhux il-bogħod minn Birżebbuġa, li kien iġib l-istess kunjom: landarta callus, territorium in contrata casalis axac, 1543 (10). Niġu issa għal kunjom ieħor: PIROLLO jew IMBROLL. Riferenza għal Wied il-Brolli nsibuha fl-1562: gued il brolli, contrata (11). Fl-1428 niltaqgħu ma’ bita brulli, galca (12). Issa kulħadd jaf li Il-Brolli hu l-isem tal-wied li minn Ħas-Saptan jagħti għal Birżebbuġa. Il-kunjom Imbroll ma tantx għadu komuni f’Malta, għalkemm f Raħal Ġdid insibu aktar minn familja waħda li ġġib dan il-kunjom.
Laqmijiet
Inħarsu issa lejn xi ftit laqmijiet li, kif naraw mill-kuntratti notarili, kienu jeżistu f’Birżebbuġa mijiet ta’ snin ilu, u nibdew bil-laqam SEFFUDA: ta seffuda, territoriumin contrata bir zebuga, 1542 (13). Għandna wkoll wilġa f Birżebbuġa li mid-dehra kienet il proprjetà ta’ xi persuna b’dan il-laqam: velge tcd seffude, territorium in contrata birzebuge, 1547 (14). Tgħid kienet xi persuna niggieża jew tħobb tindaħal iżżejjed biex tawha dan il-laqam? Oħra tidher li kienet xi ftit imbeċilli u nieqsa mentalment għaliex laqqmuha TRIDA: ta thirede, clausura in contrata birzebuge, 1532 (15). IMSID jidher li kien xi laqam (forsi isem) ieħor f Birżebbuġa. Hekk għandna tal misit, clausum in contrata birzebuge, 1537 (16). Fil-fatt fit-Tuneżija jeżisti Sidi Msid u l-istess Sidi Mecid fl-Alġerija. U fil-Mellieħa, għar li jinfed ma’ Għar it-Taflija, jissejjaħ Għar Imsid.
L-Għarab u l-Lhud
Naturalment, peress li fl-imgħoddi l-Għarab, li saħansitra tawna l-Ilsien Malti u l-parti l-kbira ta’ l-ismijiet tal-postijiet fMalta, wieħed jistenna li ħafna kienu jġibu l-laqam “L-GĦARBI”. L-istess ngħidu għal-Lhud, li għalkemm ma kienux numerużi daqs l-Għarab, madankollu kellhom importanza ġmielha f Malta, peress li kienu negozjanti kbar u aktarx li l-professjonisti, bħat-tobba, kienu jkunu Lhud. Hekk il-laqam “TAL-LHUDI” daħal ukoll f Birżebbuġa u l-inħawi tagħha. Niltaqgħu ma’ Wied il-Għarbi: hued il harabi, terhtorium in contrata ta birzebuge, 1513. Dan minkejja l-fatt li fis-seklu 16,l-Għarab kienu ilhom is-snin li tkeċċew minn Malta min-Normanni, iżda l-ismijiet u l-laqmijiet (ukoll xi ftit persuni) tagħhom baqgħu hawn Malta għal numru kbir ta’ snin. Milli jidher Wied il-Għarbi f Birżebbuġa ma tantx kien fertili, għaliex jissejjaħ ukoll “Tal Ħawlija”: tel haulie, clausura in contrata hued il harabi, 1539 (17). Isem ieħor li jfakkarna fl-Għarab ta’ l-imgħoddi kien Ħal Qadi, bejn Birżebbuġa u l-Gudja: rahal cadi, clausurain contrata bir czebuge, 1514 (18). Il-qadi kien speċi ta’ maġistrat Għarbi. Ma rridux ninsew li probabbilment il-preżenza ta’ l-Għarab fin-nofs in-nhar ta’ Malta damet tinħass aktar milli f’partijiet oħra tal-Gżejjer Maltin. Iżda wkoll tal-Lhud kellna xi jfakkarna fBirżebbuġa: ta liudj, duae lenciae terrae in contrata bir zebuge, 1546 (19).
Jista’ jkun li dan l-isem kien jirreferi għal xi wieħed li kien tassew Lhudi, jew forsi dan kien biss laqam ta’ xi Malti. Peress li l-Lhud kienu proprjetarji kbar, dan il-laqam kien mifrux f ħafna postijiet ta’ Malta u Għawdex.
Barra minn dawn, għandna diversi dokumenti oħra li jalludu, mhux għall-ismijiet, iżda pjuttost għal xi bini, kulur ta’ ħamrija jew ħwejjeġ oħra, li kienu jeżistu, jew għadhom jeżistu, f Birżebbuġa. Hekk, per eżempju, Bur Qasar jirreferi għal xi torri; Tal-Ħamra jirreferi għall-kulur tal-ħamrija f xi għalqa fil-Brolli; il-Gwejdiet (plural ta’ Gudja) għal xi għoljiet żghar f Birżebbuġa; ir-Rqajja Baħar ifakkarna fl-għelieqi viċin il-baħar; tal Mejjieli f għelieqi li jagħtu għan-niżla; u fuq kollox “Ramla ta’ Bir Zebbugia, 1647” (20) li żgur m’għandha l-ebda bżonn ta’ spjegazzjoni. Il-Bajja s-Sabiħa kienet sabiħa u ramlija wkoll erba’ mitt sena ilu! Min jaf, tgħid kienet isbaħ milli hi llum?
Riferenzi
(1) Godfey Wettinger, Place Names ofthe Maltese Islands. Ca. 1300 – 1800, p.56;
(2) Idem, p.171;
(3) Idem, p.278;
(4) Idem,p.l72;
(5) Idem,p.341;
(6) Ibidem;
(7) Idem,p.57O;
(8) Idem,p.73;
(9) Idem, p.88;
(10) Idem,p.4;
(11) Idem, p.570;
(12) Idem, p.68;
(13) Idem, p.524;
(14) Idem, p.599;
(15) Idem, p.556;
(16) Idem, p.402;
(17) Idem, p.302;
(18) Idem, p.285;
(19) Idem, p.352;
(20) Idem, p.456.
Acknowledgements:
Dan l-artiklu għandu kitba tal-Kan. Dun Joe Abela B.A.(Hons.); Lic.D; H.E.L u ġie ppubblikat għall-ewwel darba fuq ‘Leħen il-Banda’ tal-Għaqda Mużikali San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, fil-ħarġa għas-sena 2002.