Skip to content

Id-Dar ta’ Pultu f’Ta’ Kaċċatura

Din id-dar tal-kampanja, ippermettuli jekk insejħilha hekk, tinstab fuq ġenb ta’ Wied Saptan, in-naħa ta’ Wied Dalam, f’post magħruf aħjar bħala “Ta’ Kaċċatura”.  Tul is-snin din id-dar baqgħet magħrufa man-nies tar-raħal bħala d-dar ta’ Pultu jew Casa Ippolito.

Ma’ din id-dar hemm marbuta leġġenda li tgħid li darba ċertu Kavalier Ippolito, li kien Sqalli, kien sar iħobb tfajla sabiħa li kienet toqgħod f post magħruf bħala Ta’ Ġellieda fil-limiti ta’ Ħal Kirkop. Meta missier it-tfajla sar jaf, dan ma riedx li bintu titgħarras ma dan il-kavalier. Għalhekk biex iżomm l-unur tal-familja tiegħu huwa qatlu billi sparalu u wara difnu ġo ħofra mogħttija bi blata fpost magħruf aħjar bħala il-qlajja li qiegħed f’Wied Saptan.

Skond id-dati li dari kien hemm miktubha fuq il-bieb prinċipali ta’ din id-dar, din inbniet mill-Baruni Ippolito Novantieri fl-1664. Dan il-Baruni żżewweġ fl-1665 lil Casandra Barbara li kienet it-tifla ta’ Gio. Batta Barbara u Ursula Delia Bonnici. B’kollox huma kellhom ħamest itfal li kien jisimhom Rosa, Paola, Giovanni Battista, Innocenzo u Vincenza Veronica. Il-Baruni Ippolito Novantieri miet fl-1727 u martu Casandra Navantieri mietet tnax-il sena warajh, fl-1739.

Tajjeb li issa nagħtu xi tagħrif dwar kif inhi mibnija u mqassma din id-dar kbira li għandha żewġ sulari. Ma ġemb din id-dar hemm bitħa li għandha bieb għaliha li jagħti għal barra. Taħt din il-bitħa hemm ġiebja kbira. Is-saqaf ta’ din il-ġiebja hu magħmul minn sitt ħnejjiet u xorok fuqhom. Waqt il-bini ta’ din id-dar, din il-ġiebja ntużat bħala barriera li minnha tqatta l-ġebel biex inbniet din id-dar. Ħdejn din il-bitħa hemm diversi kmamar li jinkludu maqjel li hu maqsum fi tnejn b’ħajt, żewġ stalell u centimolo – mitħna misjuqa mill-annimali. Hemm ukoll żewġ turġien miftuħin – wieħed jagħti għall-kamra fuq il-maqjel u l-ieħor jagħti għas-setaħ (bejt). Id-daħla prinċipali ta’ din hi arkata. Kif tidħol minnha hemm kurutur wiesa li jaqsam il-fond tad-dar u fuq wara jispiċċa b’gallerija. Fuq il-lemin ta’ dan il-kurutur hemm żewġt ikmamar wara xulxin. L-ewwel waħda kienet tintuża bħala kċina u ta’ warajha kienet stalla. Fuq ix-xellug kien hemm kamra oħra li tiġi pariċ il-kċina. Imbagħad hemm taraġ li jwasslek għal bjut fl-ewwel sular fejn kien hemm żewġt ikmamar u loġġa kbira. Milli jidher din id-dar kienet ġiet iffortifikata. Is-soqfa ta’ din id-dar huma verament sbieħ, jikkonsistu minn ħnejjiet kbar u xorok fuqhom. Din id-dar u għelieqi kollha ta’ madwarha, li kien fihom madwar 36 tomna.

Triq li ġiet imsemmija għal din id-dar hija Triq id-Dar ta’ Pultu li tinstab f’San Ġorġ. Din it-triq hija dejqa u l-unika triq li minn Birżebbuġa tieħdok dritt għal din id-dar.

Din id-dar għaddiet għand diversi sidien sakemm fl-aħħar spiċċat abbandunata għal kollox. Wara l-mewt tal-Baruni Ippolito Novantieri, martu Casandra Novantieri ħalliet b’wirt din id-dar lill-binha Giovanni Battista fl-okkażżjoni taż-żwieġ tiegħu ma’ Margerita Pltamone. Pero ġara li Giovanni Battista miet fit-2 ta1 Ġunju 1758 mingħajr ma kellu tfal. Għalhekk il-proprjetà kollha waqgħu f idejn in-neputi tiegħu, Antonio Le Fevre, iben oħtu Vincenza Veronika miż-żwieġ tagħha ma Gaspare Le Fevre. Wara l-mewt ta’ Antonio Le Fevre. il-Qorti Superjuri qasmet il-proprjetà kollha ta1 madwar id-dar ta’ Pultu bejn il-werrieta u d-dar spiċċat f idejn Annetta Giappone li kienet miżżewġa ma’ Ġużeppi Carmelo Borg. Fl-1893 il-proprjetà kollha kienet tiswa £570 Sterlini. Fl-1899 id-dar inxtrat minn Luigi Mifsud. Meta Luigi miet fl-1909, din id-dar għaddiet f idejn oħtu Marija Mifsud fejn warajha għaddiet fidejn Emanuel Mifsud li miet fl-1919. Dan ta’ l-aħħar kien l-aħħar sid ta’ din id-dar.

B’hekk rajna fuq fuq l-istorja u anke xi tagħrif dwar din id-dar li llum il-ġurnata kważi ma hi aprezzata minn ħadd. Din id-dar hi l-aktar eżempju sabiħ ta’ l-arkitetura Maltija tas-Seklu Sbatax. Hija ħasra li din id-dar ġiet abbandunata għal kollox u ħasra akbar li l-bini tant sabiħ tagħha qed jiġġarraf. Ikun interessanti jekk wieħed iżur din id-dar, mhux biex ikisser imma biex japprezza l-aħħar fdalijiet tagħha għax fi ftit żmien ieħor ser inkunu tlifna ġawrha oħra mill-wirt storiku ta’ gżiritna.

Acknowledgements:

Dan l-artiklu ġie miktub minn Conrad D’Amato u ġie ppublikat fuq ‘Leħen il-Banda’ tal-Għaqda Mużikali San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, fil-ħarġa għas-sena 1998.

One Comment leave one →
  1. laurent mifsud permalink
    November 25, 2012 6:16 pm

    can you tell me the history of birzebbua

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

%d bloggers like this: