Skip to content

Il-kappella ‘Madonna Għajnuna tal-Insara’

IL-KAPPELLA TAL-MADONNA GĦAJNUNA TAL-INSARA: 175 SENA WARA – Kitba ta’ Conrad D’Amato f’isem l-‘Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa’.

Din il-kappella tinsab fil-Bajja ta’ San Ġorġ, faċċata tal-kappella ta’ San Ġużepp fi Triq Salvatore Cachia Żammit.  Din il-kappella hija ġustpatronat, iddedikata lill-Madonna bit-titlu “Għajnuna ta’ l-Insara”, u minn dejjem kienet propjeta’ privata tal-familja Cachia Żammit, familja wisq rispettabbli f’Birżebbuġa.  Eżatt maġenb din il-kappella hemm dark bira bl-isem ta’ “Merħba Bik” li kienet inbniet fis-seklu dsatax.

Din il-kappella nbniet minn Dr. Matteo Cachia minn Ħal Għaxaq li kien Duttur tal-Liġi u li kien miżżeweġ ma’ Marianna Żammit mill-Belt Valletta.  Inbniet għall-kumdita tal-bdiewa u s-sajjieda li f’dak iż-żmien kienu jgħixu fil-viċin.  Illum din il-kappella tinsab f’ idejn Dr. Alexander Cachia Żammit li l-imsemmi Dr. Matteo Cachia jiġi l-bużnannu tiegħu.

Nhar it-2 ta’ Settembru tal-1833 (175 sena ilu) Dr. Matteo Cachia kien għamel rikors sabiex tinbena kappella fil-Bajja ta’ San Ġorġ liema rikors gie milqugħ mill-Isqof Francesco Saverio Caruana.  Kienet tbierket nhar l-14 ta’ Mejju tal-1834 mill-Vigarju Ġenerali Mons. Don Salvalore Lanzon, Arċidjaknu tal-Katidral, fejn dakinhar kienet saret ukoll l-ewwel quddiesa.  Quddies f’din il-kappella minn dejjem kien isir taħt forma privata.  Din il-kappella kienet l-aktar frekwentata fl-aħħar tas-seklu dsatax meta l-kappella ta’ San Gorġ, li tinsab ftit passi ‘l bogħod kienet profonata peress li kellha xi ħsarat fis-saqaf.

Ta’ interess li nsemmu li tul is-snin din il-kappella kienet tagħmel parti minn tliet parroċċi differenti.  Għall-bidu din il-kappella kienet tagħmel parti mill-Parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq li kienet saret parroċċa fl-1626, iżda meta fil-11 ta’ Jannar tal-1897 Marsaxlokk sar parroċċa, din il-kappella bdiet tifforma t-tarf tal-limiti tal-parroċċa ta’ Marsaxlokk.  Meta mbagħad nhar id-9 ta’ Settembru tal-1913 Birżebbuġa saret parroċċa, din il-kappella ġiet tagħmel parti mil-limiti tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa.

Din il-kappella hi żgħira u għandha artal wieħed tal-ġebel stil doriku, is-saqaf huwa troll u hija invjata.  L- inkwadru titulari huwa xogħol il-pittur Malti Antonio Falzon.  Huwa nteressanti l-fatt li meta nbniet din il-kappella, id-devozzjoni ta’ San Ġwann Borso lejn il-Madonna Awżiljatriċi kienet għadha ma nibtitx.  Għalhekk il-kwadru titulari huwa kopja tas-Safsoferrato (fuq ideja oriġinali ta’ Raffaello) u jirrapreżenta dehra majestuża tal-Madonna bil-Bambin fuqha bil-qiegħda fuq is-sħab.  Fuq l-inkwadru hemm il-kliem bil-Latin ‘Auxilium Christianorum Ora Pro Nobis” (Għajnuna ta’ l-Insara Itlob Għalina).  Dan l-inkwadru ġie mpitter fis-sena 1833, skond id-data li hemm miktuba fuq il-komma ta’ id il-Madonna.  Ġo din il-kappella nsibu statwa ferm sabiħa li tirrappreżenta lill-Madonna bil-Bambin f’idejha, u qiegħda f’niċċa tal-kewba ħdejn il-bieb principali.  Dari din l-istatwa kienet toħroġ f’Purċisjoni fit-toroq ta’ madwar il-kappella u l-Bajja ta’ San Ġorġ.  Maġenb il-kappella hemm sagristija żgħira.  Il-faċċata hi sempliċi iżda sabiħa.  Tinkludi bieb li fuqu hemm il-kitba “Auxilium Christianorum”.  Fuq il-bieb hemm tieqa tonda li waħda oħra bħala tinsab fuq l-inkwadru titulari.  Imbagħad iktar ‘il fuq insibu l-frontispizju b’salib fuqu, u fil-ġnub insibu żewġ ornamenti tal-ġebel ferm sbieħ. Mhux magħruf min kicn il-perit tagħha iżda mill-istil tagħha jista’ jkun li kien perit li kien influwenzat mill-arkitettura Ingliża ta’ dak iż-żmien minħabba l-fatt li s-saqaf ta’ din il-kappella huwa mibni fuq l-istil tal-knejjes Ingliżi.  Quddiem din il-kappella nsibu statwa tal-ġebel, kopja ta’ l-inkwadru titulari meqjum ġo l-istess kappella.  Din l-istatwa bħall-inkwadru turi lill-Madonna bil-Bambin f’idha bil-qiegħda fuq is-sħab.  Hi xogħol mil-isbaħ ta’ l-iskultur Malti Vincenzo Dimech.  Ma’ din l-istatwa hemm indulgenza ta’ għaxart ijiem mogħtijin mill-Isqof Gaetano Pace Forno nhar is-6 ta’ Mejju tal-1861.

Fl-antik kull kappella kien ikollha l-festa interna u esterna tagħha.  Sa ftit snin ilu kull 24 ta’ Mejju kienet tiġi ċċelebrata l-festa f’din il-kappella.  Fis-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor il-festa kienet tiġi ċċelebrata fuq skala xi ftit kbira.  Eżempju jekk inħarsu lejn il-festa tal-1953 din kienet bdiet nhar it-28 ta’ Mejju u spiċċat fl-1 ta’ Ġunju.  Fit-28, 29 u 30 ta’ Mejju kienu jiem ta’ Tridu.  Is-Sibt 31 ta’ Mejju kienet lejliet il-festa, u allura filgħodu tkanta t-Te Deum, u fl-għaxija saret transulazzjoni solenni mill-kappella ta’ San Ġorġ li kienet immexxija mill-Isqof Emmanuele Galea.  Ta’ interess li nsemmu li f’din it-Transulazzjoni kienu akkumpanjaw 12-il saċerdot minn parroċċi differentu u 7 kappillani u Arċiprieti li kienu mill-parroċċi taż-Żejtun, Marsaxlokk, Naxxar, Santa Venera, Ħal Kirkop, Gudja u Birżebbuġa. Il-kappillan ta’ Birżebbuġa ta’ dak iż-żmien kien Dun Mikiel Spiteri.  Wara li l-Isqof ta l-barka Sagramentali l-Banda Beland taż-Żejtun għamlet marċ mal-Bajja ta’ San Ġorġ u t-toroq dojoq li f’dak iż-żmien kienu għadhom idawwru din il-kappella.  L-għada l-Ħadd l-1 ta’ Ġunju kien jum il-festa.  Kienu saru tliet quddisiet: tnejn letti u waħda kantata fid-disgħa ta’ filgħodu.  Fis-sitta ta’ filgħaxija sar l-Għasar solenni li kien tmexxa mill-kappillan ta’ Birżebbuġa Dun Mikiel Spiteri u wara sar pellegrinaġġ bl-istatwa li kienet għamlet tliet ijiem fil-knisja parrokkjali fil-post fejn illum hemm l-ambone.  Ta’ interess li nħarsu lejn ir-ritratti li jibqgħu tifkira ta’ din il-festa.  Wieħed jista’ jinnota t-tiżjin u l-armar li kien intrama f’dak iż-żmien mal-faċċata tal-kappella u fit-triq ta’ quddiemha.  Ix-xatt ta’ San Ġorġ kien ikun imżejjen ukoll.  L-armar kien jikkonsisti minn palm u żebbug, bnadar, pilandri u anġli quddiem il-kappella u armar ieħor li kien popolari dak iż-żmien.  Tul il-ġranet tal-festa, il-kappella kienet tkun armata kif jixraqb’tapizzerija tad-damask mal-ħitan kollha u diversi armar ieħor li jintrama fi żmien il-festa biss.  Imbagħad mill-1955 ‘il quddiem il-festa naqset xi ftit u kienet bdiet tiġi ċċelebrata f’ġurnata waħda permezz ta’ quddiesa kantata u pellegrinaġġ.  L-aħħar pellegrinaġġ bl-istatwa sar fit-28 ta’ Mejju tal-1956.  Nhar l-10 ta’ Ġunju tal-1956 l-Arċisqof Mikiel Gonzi għamel żjara lill-familja Cachia Żammit u qaddes quddiesa fil-kappella.

Illum il-ġurnata wara 175 sena din il-kappella għadha wieqfa bl-isbuħija tagħha kollu.  Fil-kwiet u l-ħemda fejn tinsab, iġġiegħlek tinsa l-preżent u taħseb fuq dawk iż-żminijiet meta l-progress kien għadu ma resaqx lejn raħalna.  Iġġib quddiem għajnejk lil Birżebbuġa kollha raba u xagħri u l-Bajja ta’ San Ġorġ b’dak il-baħar kaħlani u l-mewġ ħelu tagħha li kienu jwensu lil dan ir-raħal ċkejken b’ċivilta’ antika, sabiex tassew kienu jagħmluh raħal uniku u differenti mill-oħrajn.  Mhux ta’ b’xejn li fl-antik il-Maltin kienu jsejħu lil dan ir-raħal bħala “L-Art tal-Mistrieħ”.

Nota tal-awtur:  Pubblikament nixiteq nirringrazzja lil Dr. Alexander Cachia Żammit tal-informazzjoni siewja li għaddhieli u tal-paċenzja li jieħu bija kull darba li nirrikorri għandu waqt li nkun qed nagħmel xi riċerka storika.  L-għajnuna tiegħu hija ferm apprezzata.  Grazzi Dott!

 

Acknowledgements:

Dan l-artiklu nkiteb minn Conrad D’Amato f’isem l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, u ġie ppubblikat fuq ‘Leħen il-Banda’ tal-Għaqda Mużikali San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1957, fil-ħarġa għas-sena 2008.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

%d bloggers like this: