DWARNA
L-iskop ewlieni ta’ dan is-sit huwa wieħed u preċiż, dak edukattiv. Il-kappella ta’ San Ġorġ Martri ta’ Birżebbuġa, hija bla dubju ta’ xejn ġojjel u ġojjell imprezzabbli. Għandu jkun ta’ unur u unur kbir għan-nies ta’ Birżebbuġa li jipposedu ġawhra ta’ kappella bħal dik ta’ San Ġorġ MM. Kappella antika bħal dik, mhijiex gozz ġebel fuq xulxin, kif sfortunatmanet hawn min jirraġuna, imma hija binja b’arkitettura unika, kappella li warajha hemm storja kbira. Wieħed jistagħġeb kif minn quddiem din il-kappella jgħaddu kuljum in-nies kollha ta’ Birżebbuġa biex imorru għax-xogħol u forsi wieħed tant kemm jibda jidra, li xi kultant wieħed jispiċċa lanqas jagħti kas ta’ ġojjelli arkitettoniċi u binjiet antiki ta’ dan it-tip. Illum il-ġurnata tant kemm aħna aljenati, min ħaġa u b’min oħra li kappellel u palazzi bħal dawn rari jiġu aprezzati. Għalhekk l-isforz tagħna huwa li nqajmu din il-kuxejnza, li nwasslulkom l-istejjer sbieħ wara din il-kappella, u mhux biss imma li nurukom u ngħidulkom liema nies, illum imbiegħda fiż-żmien kellhom rabta intrinsika ma’ din il-kappella antika, tant antika li għandna provi li ilha mwaqqfa fil-post fejn qiegħda sa minn qabel l-Assedju l-Kbir tal-1565.
Barra minnhekk huwa wkoll opportun lingħaddulkom dettalji dwar l-ambjent storiku fejn tinsab il-kappella. Il-Bajja ta’ San Ġorġ ta’ Birżebbuġa, hija minnha nfisha bajja mimlija storja. Mhemmx għalfejn immorru ‘l bogħod biex wieħed jifhem l-importanza storika ta’ din il-Bajja. Ftit ‘il bogħod mill-kappella ta’ San Ġorġ, hekk kif wieħed ikun tiela’ t-telgħa tal-Geru nafu li fil-wied sabiħ li hemm ta’ħt it-triq jinsab l-eqdem monument storika ta’ pajjiżna u sal-ġurnata tal-lum l-unika prova li Malta darba kienet magħquda m’artijiet oħra. Mhu qed nadduli għal xejn ħlief għal Għar Dalam. Il-Wied fih insibu dan l-Għar storiku jgib ukoll l-istess isem. Wied Dalam huwa wied qadim, wied li fih tkaxkru l-anniali kollha li nstabu f’Għar Dalam. Dan il-wied li ankemill-forma tiegħu mill-ewwel tintebaħ li xi darba kellu fih xmara kbira, kien jitfa’ l-ilmijiet kollha tiegħu fejn illum hemm il-Bajja ta’ San Ġorġ. Għalhekk anke fuq dan il-fatt biss, il-Bajja ta’ San Ġorġ tieħu dimensjoni differenti, hija sewwasew post storiku li fiha minn jaf kemm ġew iddepożitati affarijiet storiċi. Mhux ta’ b’xejn mela li fiha nstabu diversi affarijiet bħal amfori; ras ta’ statwa tal-ġebel antika; raddi tar-roti li misterjożament jibqgħu neżlin ‘l isfel fil-baħar; it-tempji taż-żmien il-Bronż magħrufin aħjar bħala ‘Borġ in-Nadur’; il-Villa Rumana; id-‘Dar ta’ Pultu’ li minħabba nuqqas ta’ għarfien u nuqqas ta’ sens ċiviku baqgħet binja traskurata u ‘llum għoddha ntilfet għal-kollox; iż-żewġ kappellel sbieħ u antiki l-oħra fil-Bajja ta’ San Ġorġ jiġifieri dik ta’ San Ġużepp u dik ta’ Ommna Marija Għajnuna tal-Insara; ir-residenza l-antika ta’ Filippu Castagna u tal-Familja Cachia Żammit; Batterija Ferretti u s-swa li xi darba konna nsibu f’dawn l-inħawi u tant sejbiet storiċi oħra. U xi ngħidu għal filantropu AlfonsMaria Galea, li kien jiġi jgħix flimkien mat-tfal iltiema fil-Bajja ta’ San Ġorġ ta’ Birżebbuġa?
Ix-xewqa tagħna hija li f’danis-sit nagħmlu mixja maż-żmien, mixja li għandha tikkonvinċi l-poplu twajjeb u twajjeb wisq ta’ Birżebbuġa biex jifhem aħjar ir-rikezzi li bih huwa mdawwar u huwa marbut jissalvagwardja. Filwaqt li dan is-sit għandu bħal ċentru tal-attenzjoni il-kappella antika ta’ San Ġorġ Megalomartri, bħala punt tat-tluq se jkollu l-fdalijiet storiċi ta’ Għar Dalam u jkompli fil-mixja tiegħu bis-sejbiet interessanti ta’ Borġ in-Nadur u tal-Villa Rumana f’Wied Dalam u f’Ta’Kaċċatura rispettivament. Il-mixja tkompli b’mod gradwali ħafna u se nagħmlu minn kollox biex nipprovdulkom ħjiel dwar il-bqija tal-monumenti storiċi ta’ din l-akwata tar-raħal tagħna.
Ma nistgħux nagħlqu u ninsew il-figura tal-qaddis ta’ San Ġorġ Megalomartri u l-kappella antika tiegħu, li, tneħħi Għar Dalam u Borġ in-Nadur, hija l-iktar binja antika li nsibu fir-raħal ta’ Birżebbuġa. San Ġorġ huwa bla dubju ta’ xejn l-ewwel qaddis li kien meqjum f’Birżebbuġa, qisu bħalma ngħidu li Birżebbuġa kienet fil-bidu nett taħt il-ħarsien ta’ dan il-qaddis meqjum ħafna mill-baħħara u mill-knejjes tal-Lvant. Il-qima lejn San Ġorġ hija waħda antika u mifruxa mad-dinja kollha. L-inħawi ta’ Birżebbuġa fl-antik kienu l-mira ta’ ħafna furbani u pirati tal-baħar li kienu jaħbtu u jħarbtu kulma jsibu, għalhekk ħadd ma jiskanta meta naraw li dawn l-inħawi ġew fdati f’idejn il-kbir Martri u qalbieni suldat San Ġorġ. Xhieda tal-antikita tagħha u ta’ stejjer atroċi ta’ ħbit mill-għadu, qtil, familji mkissra minħabba serq u ħtif ta’ xbejbiet u rġiel biex jinbiegħu bħala skjavi, il-kappella ta’ San Ġorġ Megalomartri ta’ Birżebbuġa hija l-unika waħda li ġiet fortifikata bi swar, kappella li nbniet fuq jew qrib ta’ ċimiterju qadim u l-unika jidhrilna li minn fuq is-swar il-qassis kien ibierek ix-xwieni li kienu għal t’apposta jinġiebu eżatti taħt is-swar, peress li fil-qedem il-baħar kien jidħol eżatti sa taħt din il-kappella antika.
Minn tagħtif li għandna f’idejna u li ‘l quddiem be ħsiebna naqsmu magħkom bis-saħħa ta’ nies li jagħmlu r-riċerki f’dan il-qasam, jidher li f’Birżebbuġa kien hawn ħafna aktar kappelli simili dawk ta’ San Ġorġ. X’aktarx li l-kappella ta’ San Ġorġ għandha għeruq medjevali, tant li l-arkitettura tagħha hija partikolari ta’ dawn iż-żminijiet. Storiċi u studjużi jsemmu kappellel oħra ta’ dan it-tip fl-inħawi tar-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa bħal dik ta’ Santa Sofija qrib Wied Żnuber li ‘llum m’għadhiex teżisti kif ukoll il-fdalijiet li għadna naraw sal-lum ta’ dik li kienet il-knisja fl-inħawi tal-Baqqari, il-parti estrema tar-raħal taż-Żurrieq li tmiss mar-raħal tagħna ta’ Birżebbuġa. Huwa għalhekk li għandna għalfejn inkunu kburin li opra bħal dik tal-kappella ta’ San Ġorġ għadha fejn hi, għadha wieqfa, sabiħa u imponenti, twissina u tfakkarna mil-liema saram għaddew missirijietna. Illum it-twissija tagħha hija waħda differenti, xorta waħda serja, twissija li tgħidilna biex nibżgħu għal dak li fadal, nikkuraw dak kollu li ta’ qabilnaq ħallewlna, tgħidilna li ż-żmien ifarrak, li maż-żmien jidħlu interessi oħra, li maż-żmien il-valuri jintesew, li l-flus jagħmu lil kulħadd u għall-flus il-bniedem lest li jinsa t-teżori li ħallewlna missirijietna. Il-kappella ta’ San Ġorġ ta’ Birżebbuġa tagħmlilna u tispirana biex niskopru aktar dwar dawn l-inħawi u tiftħilna għajnejna biex bħal patrun li għaliha ġiet iddedikata, anke aħna nimtlew bil-kuraġġ u bil-qlubija li kellu San Ġorġ is-suldat ta’ Kristu u nirsistu u nagħrfu aħjar u mill-qrib it-teżor li għandna taħt għajnejna, li rridu nħarsu u napprezzaw.