Skip to content

Alfons Maria Galea (1861 – 1941)

Alfons Maria Galea (1861 – 1941): kitba ta’ Joe Balzan

Ir-rabta bejn Birżebbuġa u s-Sur Fons Maria Galea hija kbira u magħrufa.  Hu kellu post tal-villeġjatura fil-bajja pittoreska ta’ San Ġorg fejn kien jgħaddi l-ħin ta’ mistrieħ.  Jingħad ukoll li wara mewtu, parti mill-wirt tiegħu mar għall-knisja Parrokkjali ta’ San Pietru.  Għalhekk huwa xieraq li naraw min kien dan Alfons Maria Galea, kif ser jiddiskrivih għalina s-Sur Joe Balzan, storiku magħruf.

Fl-eta’ ta’ 80 sena, irtirat fil-kunvent tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan, flimkien mal-familja tiegħu, biex isibu kenn mill-bombi ta’ l-għadu fl-aħħar gwerra, miet bniedem reliġjuż u filantropu.  Kien kittieb, u l-kitba tiegħu “Ġabra ta’ Mogħdija taż-Żmien” u kotba oħra li huwa qaleb għall-Malti, jew kitba reliġjuża, ta kontribut enormi lill-lettaratura Maltija.  Insibu kitba tas-Sur Fons (kif kien magħruf) fil-Bandiera tal-Maltin tad-29 ta’ Marzu 1913 fejn talab lill-poplu Malti biex jingħaqad fix-Xirka ta’ l-lmdawwlin, li Manwel Dimech kien qiegħed jgħaqqad biex Malta tintrefa’ mill-ġuħ u l-faqar li kienet mgħarrqa fih.

Li kieku Alfons Maria Galea qatt ma ħareġ għall-pulitka, konna ngħidu li kien raġel tajjeb, iżda paternalista, li ried iraqqa’ s-sitwazzjoni tal-faqar u mhux ibiddilha.  Iżda huwa kien intelliġenti u ra kif tista’ tissolva l-kriżi.  Huwa ngħaqad mall-Partit Laburista u kien membru tas-Senat f’ isem l-istess partit.  Iċ-ċirkostanzi ma ppermettewx li jibqa’ fil-pulitka.

Is-Sur Fons kien bniedem progressiv ħafna, tant li f’dak iż-żmien, meta kien jaħdem bħala amministratur tal-mensa ta’ l-isqof, għamel suġġeriment lill-awtoritajiet tal-knisja f’Malta biex jgħinu lill-bdiewa billi jagħtuhom ir-raba li huma jaħdmu.  B’hekk huma jsiru sidien tal-art mingħajr biża’ li jistgħu jitilfuha.

Alfons Maria Galea twieled f’familja tal-flus.  Huwa għaraf juża l-flus favur il-faqar bil-ħerqa ta’ raġel ispirat minn sentimenti nobbli, Kristjani u ta’ karita’ lejn għajru.  Hu kien responsabbli għal għadd kbir ta’ opri ta’ benefiċjenza, kemm billi ħareġ il-flus minn butu għall-bini ta’ diversi istituti u billi għen ukoll biex jitmexxew.  Wieħed jista’ jgħid liberalment li meta tara fid-dettal ix-xogħol ta’ benefiċjenza li għamel, bix-xieraq li ismu sar sinonimu mal-karita’ f’pajjiżna.  Tant kien jgħin li l-bieb ta’ daru kien dejjem miftuħ u l-ħin kollu jilqa’ lil dak u lill-ieħor għall-għajnuna.  Il-familja tas-Sur Fons kienet taf id-dar tagħhom bħala l-“General Agency”.  Naghlaq billi nirreferi għal dak li ktibt fil-bidu, li Galea miet fl-istitut tal-Bon Pastur.  Sewwa jgħid il-Malti: “Kif tgħix, tmut.”  Id-destin ried li minħabba d-dedikazzjoni tiegħu speċjalment mat-tfal orfni, miet f’wieħed mill-istituti tal-karita’.

 

Referenza:

Alfons Maria Galea ta’ Louis A. Grasso

 

Acknowledgements:

Dan l-artiklu nkiteb minn Joe Balzan u ġie ppublikat fuq ‘Minn Qalb l-Iljuni’, tas-Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990, fil-ħarġa għas-sena 1994.

No comments yet

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Mater Dolorosa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

iljuni.wordpress.com/

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

%d bloggers like this: