Il-Madonna ta’ Lourdes tal-wied f’San Ġorġ
Għalkemm Birżebbuġa mhux xi raħal antik bħal irħula oħra fil-gżejjer Maltin, xorta waħda wieħed jiltaqa’ ma’ karatteristiċi li jinsabu kważi f’kull raħal. Fost dawn wieħed isib in-niċeċ li normalment issibhom ma’ xi faċċata ta’ dar jew fil-kantuniera. Minn dawn f’Birżebbuġa għandna wkoll. Fil-maġġoranza tagħhom dawn in-niċeċ huma ddedikati lil Madonna b’titoli differenti.
Fost dawn insibu dik iddedikata lil Madonna ta’ Lourdes. Li għandha partikulari din ix-xbieha tal-Madonna huwa l-fatt li ma tinstabx f’xi niċċa, imma ġewwa għar. Il-post fejn tinstab huwa qrib il-Bajja ta’ San Ġorġ. Hekk kif tħalli l-bajja, int u tiela t-Telgħa tal-Geru fuq ix-xellug hemm sqaq li jwasslek sa ħdejn bieb b’rixtellu tal-ħadid. Fuq il-blata tal-bieb hemm lapida li ġġib id-data ta’ l-1883. Kif tħares minn dan il-bieb tilmaħ daqsxejn ta’ ġardin, b’passaġġ fin-nofs li jwasslek sa ħdejn għar ċkejken. Il-bokka ta’ l-għar tinsab magħluqa b’kanċell tal-ħadid. Meta tħares ‘il ġewwa l-kanċell wieħed jilmaħ ġmiel ta’ statwa tal-ġebel miżbugħa, taħt it-titolu tal-Madonna ta’ Lourdes.
Ġrajja marbuta ma’ din l-istatwa, skond kif jirrakkontaw ix-xjuħ tagħna, tgħid li darba minnhom l-istatwa tal-Madonna kienet ittieħdet minn hemm. Wara xi jiem, b’mod misterjuż, din l-istatwa sabet ruħha mill-ġdid ġewwa l-għar. Skond kif ħasbuha n-nies ta’ dak iż-żmien, qalu li l-Madonna żgur li tinstab kuntenta f’dak il-post. L-istorja ta’ dan il-għar tmur lura sas-sena 1883 meta l-Isqof Mons. Carmelo Scicluna ta 40 jum ta’ indulġenzi, nhar it-2 ta’ April, lil min jirreċita Ave Maria quddiem din ix-xbieha jew ikun miexi fil-viċinanza ta’ l-għar. Dan kollu huwa miktub fuq lapida li hemm fuq il-blata tal-bieb ta’ barra in-naħa ta’ barra ta’ l-isqaq. Lapida oħra, din id-darba tinstab eżatt fuq il-għar, tgħid li Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta, ta 200 jum ta’ indulġenzi. Din l-iskrizzjoni ġġib id-data ta’ 23 ta’ April 1958.
Min kien dawk li kienu jieħdu ħsieb dan il-post ?
L-ewwel persuna li x’aktarx kien minn tal-bidu li beda jieħu ħsieb dan il-post kien ċertu Gejtu Sacco mill-Gudja. Dan Gejtu kien miżżewweġ lil Sunta mill-Gudja wkoll. Wara ż-żwieġ dawn ġew joqogħdu Birżebbuġa lejn San Ġorġ. Ir-raġuni li dan beda jindokra x-xbieha tal-Madonna kien il-fatt li kellu daqsxejn ta’ dwejra b’xi kmamar żgħar f’dawk l-inħawi ta’ l-għar, li fihom kien irabbi xi annimali waqt li kien iżomm xi għodod tar-raba fihom. Kien fis-snin tal-gwerra li Gejtu u martu Sunta bit-tfal b’kollox kienu marru joqogħdu fihom. Dan ġara wara li kienet waqatilhom id-dar bil-bombi. Waħda minn uliedhom, Kakin, għada toqgħod f’Birżebbuġa sal-lum. Min għandu ċertu età mhux ħażin żgur li jiftakar lil mart Gejtu, Sunta, tterraq fit-toroq ta’ Birżebbuġa, riekba fuq karettun miġbud minn ħmara. Mhux ta’ b’xejn li l-laqam tagħha baqa’ dak ta’ “Sunta tal-ħmara”.
Lura lejn Gejtu – li kien ħaddiem it-Tarzna u iżjed tard fl-Isptar tax-Xjuħ (l-Imgieret) – wara l-ġurnata tax-xogħol kien jerħilha biex joqgħod inaddaf il-post, isaqqi s-siġar taż-żebbuġ, li bil-ġmiel tagħhom kienu jsebħu l-post. Kien ftit tas-snin ilu li dawn is-siġar inqerdu għal kollox meta kien hemm tnixxija ta’ pitrolju mill-installazjoni ta’ l-Enemalta li tinsab fil-qrib! Għal Gejtu ma kienetx tgħaddi ġurnata waħda li ma kienx jixgħel biż-żejt jew iktar tard bix-xema x-xbieha tal-Madonna. Meta miet Gejtu, ix-xogħol waqa’ fuq martu Sunta li, bl-istess devozzjoni, baqgħet tagħmel ix-xogħol ta’ żewġha. Mhux hekk biss imma saħansitra din Sunta kienet baqgħet magħrufa għal mod tajjeb ta’ kif kienet kapaċi ddomm il-kuruni tar-Rużarju miż-żerriegħa tal-ħarrub. Sunta kellha tifel jismu Ġużeppi, li dejjem kien jgħin lill-ommu. Meta mietet Sunta, Ġużeppi baqa’ waħdu jieħu ħsieb dan il-post. Għalkemm kien joqgħod il-Gudja, Ġużeppi kien jinżel ta’ spiss biex jixgħel ix-xema quddiem ix-xbieha tal-Madonna.
Il-Għar
Nagħtu ħarsa issa ġewwa l-għar. Barra l-istatwa tal-Madonna, hemm statwa żgħira ta’ Santa Bernardina, li jingħad li Gejtu stess ħadimha fuq waħda minn uliedu. Barra dan, mas-saqaf ta’ l-għar hemm imdendlin erba’ lampieri żgħar, li wkoll x’aktarx inħadmu minn Gejtu. Xi ħaġa interessanti li hemm ġewwa l-għar hija biċċa minn stola bajda li kien libes l-Arċisqof Gonzi meta mar ibierek ix-xbieha tal-Madonna fl-1958. Barra dan kemm maġenb l-għar kif ukoll fuq barra tal-bieb ta’ l-isqaq, hemm żewġ kaxxi tal-ħadid imdaħħla fil-ħajt fejn fihom kienu jitfgħu l-flus għax-xema. Għall-pellegrini li jmorru jinvistaw il-Madonna, quddiem l-għar hemm tlett ġinokjaturi. Il-post fejn qiegħed il-ġardin għandu għamla ta’ barriera li x’aktarx dan jindika li xi bini fil-qrib inqata’ l-ġebel għalih minn dan il-post. Mal-ħajt fil-blat hemm żewġ bokok ta’ xelter ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn iwassluk għall-kamra waħda komuni. Dan kien tħaffer minn Gejtu Sacco nnifsu flimkien ma’ uliedu. Dawn kienu ħaffruh wara li ma baqgħux imorru jistkennu flimkien man-nies ta’ l-inħawi ta’ San Ġorġ f’Għar il-Friefet, li kien ir-refuġġju mill-attakki tal-bombi ta’ l-għadu.
Id-Devozzjoni
M’għandniex xi ngħidu li l-akbar devozzjoni li għandha din ix-xbieha huma d-dehriet tal-Madonna ta’ Lourdes, jiġifieri fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April u Lulju. F’dawn ix-xhur b’mod silenzjuż, għadek tilmaħ lil tant devoti jerħula lejn dan il-post biex jinvistaw lill-Madonna, waqt li f’riġlejn il-għar jirreċitaw ħames posti rużarju. Interessanti l-fatt li lejn dan il-post hemm devozzjoni partikulari, li tmur lura fis-snin, fejn nies minn raħal viċin dak ta’ Marsaxlokk jiġu bil-mixi, biex f’riġlejn il-Madonna jitolbu għal bżonnijiet tagħhom. Minn żmien għal żmien jiġu stampati santi b’ritratti tal-Madonna ġewwa l-għar kif ukoll il-kurunella u d-dati tad-dehriet.
Lura għal Ġużeppi Sacco, bin Gejtu, dan illum il-ġurnata mdaħħal sewwa fiż-żmien u ma għadux jiġi mill-Gudja bħal qabel biex jieħu ħsieb il-post. Illum il-ġurnata, b’mod providenzjali, qiegħed jieħu ħsieb dan il-post Tony Minuti, wild dan ir-raħal. Dan Tony daħal għal dan ix-xogħol – b’mod volontarju – wara li għal xi żmien kien jiġi jgħin lil Ġużeppi Sacco. Kull min iżur il-post bħalissa malajr jinduna kemm hija għal qalb Tony din ix-xbieha tal-Madonna. U jekk tinzerta tmur fix-xhur ta’ April jew Mejju, bil-ġmiel ta’ fjuri li jkun hemm, tistħajlek qiegħed fil-ġenna. Fuq tabella ċkejkna qalb dawk il-fjuri hemm miktub, “Ġnien il-Paċi”, isem li Tony xtaq jagħti lil dan il-post.
Illum il-ġurnata ma jonqosx li, hekk kif għamlu ta’ qablu, Tony għadu jixgħel ix-xema quddiem din ix-xbieha waqt li jindokra dan il-post mill-aħjar li jista’.
Sorsi:
Dan l-artiklu ġie miktub minn Arthur Grima f’isem l-Għaqda u Storja u Kultura Birżebbuġa, u ppublikat fuq ‘Leħen il-Banda’ tal-Għaqda Mużikali San Pietru A.D. 1957, fil-ħarġa għas-sena 2002.