San Ġorġ, Birżebbuġa
Meta wieħed jitkellem fuq il-qaddis San Ġorġ, mill-ewwel jiġih f’moħħu r-raħal ta’ Ħal-Qormi jew inkella r-Rabat Għawdex. Mhux l-istess għalina l-Birżebbuġin, li kif nisimgħu isem dan il-qaddis, bilfors li ħsiebna jdur lejn dik il-kappella ferm antika li tinsab int u dieħel fir-raħal għażiż tagħna ta’ Birżebbuġa. Din il-kappella, kif anke tistgħu taraw mill-banner ta’ dan is-sit, jingħad li ilha wieqfa sa minn qabel l-Assedju l-Kbir tal-1565. Wisq probabbli meta t-Torok niżlu fil-bajja ta’ Marsaxlokk (Porto de Marsa Sirocco) ltaqgħu żgur mal-bini ta’ din il-kappella ddedikata appuntu lill-qaddis kbir Megalomartri San Ġorġ, u min jaf kemm kieku xtaqu jagħmlu ħerba minnha.
F’dan is-sit se nagħtu daqqa t’għajn lejn il-Bajja ta’ San Ġorġ u l-kappella ta’ San Ġorġ. Se nagħtu tagħrif dwar il-qaddis stess li għalih hija ddedikata din il-kappella,kif ukoll se nagħtu xi tagħrif dwar l-ambjent storiku kollu li jeżisti f’dawn l-inħawi. Wieħed jiskanta kemm f’arja daqshekk żgħira bħalma hija l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, wieħed isib daqshekk ammont kbir ta’ storja u rikkezzi li jkomplu jgħollu ‘l fuq l-isem sabiħ tar-raħal pittoresk tagħna ta’ Birżebbuġa.
Beatvs Georgivs
Din hija l-antifona sabiħa li tindaqq fil-jiem tal-festi fil-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex. L-antifona jisimha ‘Beatvs Georgivs’, antifona sabiħa mmens miktuba minn Mro. Paolo Fiammingo (pre-1890) u Mgr Giuseppe Farrugia (1897). Ħal Qormi, il-parroċċa Maltija l-oħra li fiha tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġorġ, għandhom antifona imma b’isem differenti. Din tagħhom jisimha ‘Fundatvs’.